Dan hu l-ewwel ritratt li ħadt tar-rota tiegħi, l-Orbea, eżattament malli wasalt lura d-dar kuntent biha mill-ħanut tar-roti. Dil-ġimgħa din tagħlaq 5 snin!
Il-Ħamis 10 ta’ Settembru 2015 mort niltaqa’ ma’ wieħed Birkirkara biex inbigħlu rota li kont nuża temporanjament dak iż-żmien. Immedjatament wara, żort ħanut tar-roti fil-viċin biex nixtri rota aħjar.
Kont ilni ngħid li rrid rota ta’ kwalità, li sservini fit-tul biex nesplora lil Malta, għal esperjenza aħjar ta’ commuting u nkompli komodament nkun karozza inqas mit-toroq li dal-pajjiż hu tant fgat bihom.
Ġurnata wara, 11 ta’ Settembru 2015, kont tiela’ party Gianpula u malli kien riesaq filgħaxija ma’ nżul ix-xemx, irrealizzajt li xagħri kellu bżonn qatgħa tajba. Tax-xagħar kienu kollha magħluqin dak il-ħin u sieħbi mis-Siġġiewi offrieli jaqtagħhuli d-dar tiegħu.
Allura dan kellu jkun l-ewwel vjaġġ mid-dar b’din ir-rota, fost madwar 16,000km milli naf bihom li saru sal-lum f’5 snin.
Il-Ħadd 13 ta’ Settembru 2015, mort il-pellegrinaġġ tar-roti tal-Madonna tal-Grazzja mir-Rabat sa Ħaż-Żabbar.
Illum it-13 ta’ Settembru 2020, li reġa’ inzerta l-Ħadd, kellu jsir l-istess pellegrinaġġ imma din id-darba kellu jitħassar minħabba l-pandemija.
B’din ir-rota għamilt kull tip ta’ vjaġġ li ġeneralment wieħed ma jaħsibhiex darbtejn li jagħmel bil-karozza.
Imma partikolarment tista’ tgħid li biha mort ta’ kuljum l-Università mid-Diploma għall-BSc tal-arkitettura, minn Ottubru 2015 sa Ġunju 2019. Din is-sena kont wieqaf mill-istudji bejn break u bejn naħdem, u minn xahar ieħor inkompli sentejn oħra Masters!